Jinġabru €7,500 f’maratona ta’ 34 siegħa abseiling b’risq id-Dar tal-Providenza

Inġabru €7,500 b’risq id-Dar tal-Providenza waqt il-ħames edizzjoni tal-maratona ta’ 34 siegħa abseiling, li għaliha ħadu sehem mas-600 persuna.
Il-maratona saret fuq il-pont tal-Mosta u bdiet is-Sibt filgħodu u baqgħet sejra sa tard il-Ħadd filgħaxija.
L-attività ġiet organizzata mill-Boy Scout Group tal-Mosta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali u RTK.
Is-somma li nġabret se tiġi ppreżentata waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity fl-1 ta’ Jannar.
Matul dawn l-aħħar ħames snin inġabru €20,700. Is-Sibt, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona qal talba u bierek il-parteċipanti fil-bidu tal-maratona.
Attenda wkoll l-Arċisqof Charles Scicluna li tkellem u ltaqa’ mal-organizzaturi, maż-żgħażagh li ħadu sehem f’din l-attività għall-karità, mas-sindku tal-Mosta Edwin Vassallo u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef.
Fost dawk li pparteċipaw kien hemm il-Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia u l-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius u l-membru Parlamentari indipendenti Marlene Farrugia.
Dawk kollha li ħadu sehem f'din il-maratona ġew mitluba jagħtu donazzjoni ta' €12 matul il-ġurnata jew donazzjoni ta' €6 matul il-lejl.
Kull min ħa sehem ingħata t-taħriġ meħtieġ kif ukoll l-għażla li jixxabbat mal-ħajt tal-pont, ma' waħda mill-arkati fi free fall jew biż-Zipline ta’ mitt metru.