Jinġabru €400,200 fl-irkant tal-karozzi li ntużaw waqt iċ-CHOGM

Il-75 vettura li ntużaw waqt il-Valletta Summit u l-laqgħa tal-mexxejja tal-Commonwealth, ġew irkantati u nġabret is-somma ta’ €400,200 b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Is-somma nġabret mill-qliegħ li sar mill-vetturi, jiġifieri d-differenza mis-somma ta’ kemm inbiegħet il-vettura u l-prezz tal-bidu tal-irkant. 
Il-prezz tal-bidu tal-irkant ta’ kull vettura mar għand il-kumpanija GasanZammit, l-aġent tal-vetturi Volvo.
Il-Volvo XC60 bdew jiġu rkantati mill-prezz ta’ €32,500 filwaqt li l-Volvo S60 bdew jiġu rkantanti mill-prezz ta’ €30,500.  Għall-attività tal-irkant irreġistraw ‘il fuq minn mitt ruħ biex jieħdu sehem.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għall-attività fejn irringrazzjat lil kull min attenda u lil kull min ikkontribwixxa biex sar l-irkant sabiex jiġu mgħejuna dawk li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund.