Jinġabru €1545 b’risq BirdLife Malta

Illum 178 tifel u tifla flimkien mal-adulti mxew 10km fil-kampanja Maltija sabiex jinġabru flus u tinħoloq kuxjenza dwar il-konservazzjoni tan-natura.
Il-mixja bdiet mir-Rabat u t-tfal imxew it-triq kollha sar-Riserva Naturali tas-Simar fix-Xemxija. B’kollox inġabru €1545.

Il-‘Mixja għan-Natura’ hi avveniment annwali organizzata minn Klabb Ħuttaf, il-klabb tan-natura għat-tfal fi ħdan BirdLife Malta. Din is-sena l-flus miġbura se jmorru biex jitħallsu l-panelli tax-xemx, tant meħtieġa biex l-istazzjon tar-Ringing tal-Għasafar f’Kemmuna jkollu d-dawl elettriku.

Ir-Riserva Naturali tas-Simar fix-Xemxija tinfetaħ għall-pubbliku kull nhar ta’ Ħadd bejn l-10.30am u l-4.30pm.