Jinġabru €1,645 waqt marċ b’risq id-Dar tal-Providenza

Inġabru total ta’ €1,645 waqt marċ li sar b’risq id-Dar tal-Providenza nhar il-Ħadd.
Fl-okkażjoni tal-10 sena anniversarju mill-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, l-Għaqda Mużikali San Ġejtanu tal-Ħamrun organizzat marċ fil-Ħamrun b’risq id-Dar tal-Providenza, li għalih kienu mistiedna l-baned kollha ta’ Malta.
L-inizjattiva filantropika bdiet b’quddiesa fil-Kappella tal-Midalja Mirakuluża, fejn jinsabu l-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca, li hu wkoll l-ewwel qaddis Malti.
Fi tmiem il-marċ saru diversi donazzjonijiet lid-direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, mill-baned li pparteċipaw kif ukoll minn għaqdiet ċiviċi u politiċi tal-Ħamrun, sabiex inġabret din is-somma.
Fr Martin Micallef irringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw, filwaqt li qal li inizjattivi bħal din jimlew id-Dar bil-kuraġġ biex tkompli tagħti l-ogħla kwalità ta’ servizz lir-residenti tagħha.