Jinġabru €1,620,530 għal Puttinu; il-Gvern jagħti €5 miljun

Is-somma miġbura waqt l-edizzjoni speċjali ta’ Xarabank, fil-Ġimgħa l-Kbira, għal Puttinu Cares kienet dik ta’ €1,620,530. Min-naħa l-oħra f’kollegament mill-Awstralja, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern se jkun qed jagħti donazzjoni ta’ €5 miljun.
Fi stqarrija, Rennie Zerafa, il-fundatur ta’ Puttinu Cares sostna li din il-ġabra, flimkien mad-donazzjoni tal-Gvern se jkunu ta’ għanjuna kbira sabiex jinbeda l-proġett li se jkun qed jakkomoda lil dawk kollha li jitilgħu Londra għall-kura f’appartament viċin tal-isptarijiet.
Il-proġett li se jkun maqsum fi 3 fażijiet se jibda’ billi jixtri art jew binja fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex takkomoda mat-30 appartament.
F'Kollegament bit-telefown, il-Prim Ministru spjega li l-€5 miljun donazzjoni ġew mill-fond għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-fond li jamministra l-flus li jidħlu mill-programm ta' ċittadinanza b'investiment. Din id-deċiżjoni qal li ttieħdet wara li l-Gvern ikkonsulta mal-fond.
Puttinu Cares irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-ġenerożità, li sostna li turi li “f'dawn is-sitwazzjonijiet ta’ tbatija ma’ hemmx l-ebda politika u kulħadd jingħaqad sabiex itaffi t-tbatija lill-pazjenti”.
Fl-istqarrija, Zerafa rringrazzja wkoll lill-Prim Ministru li fehem il-bżonn ta’ dan il-progett u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom id-90 pazjent, flimkien mal-familjari taghhom.
Ritratt: Puttinu Cares