Jinġabru €801,616 biex tinbena Dar Bjorn

Ilbieraħ il-poplu Malti u Għawdxi ġabar total ta’ €801,616 b’risq ALS Malta li se tkun qed tibni d-dar residenzjali ġdida tagħha, Dar Bjorn. Dan waqt maratona ġbir ta’ fondi waqt il-programm televiżiv Xarabank.

Bjorn Formosa, il-fundatur ta’ ALS Malta sostna li ma kinitx xi ħaġa faċli, madanakollu fi żmien sagħtejn u nofs inġabret somma inkredibbli. Qal li issa l-proġett jinsab pass ieħor ‘il quddiem. Qal li l-iktar ħaġa important hija li ħadd ma qata’ qalbu.

L-għaqda ALS Malta u l-proġetti ta’ Dar Bjorn huma speċifikament għal persuni li jsofru mill-Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS) li hija marda li taffettwa nervaturi fil-moħħ u fl-ispina tad-dahar li jikkontrollaw il-movimenti muskolari volontarji.

Dar Bjorn il-ġdida se tkun tista’ takkomoda ħafna mill-problemi newroloġiċi li hawn fil-pajjiż. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni mistenni jibda f’Ottubru, filwaqt li l-iskop huwa li lejn it-tmien tal-2020, id-dar tibda tilqa’ l-ewwel persuni fi ħdanha.