Jinġabru €80,050 għall-Fondazzjoni Nazareth

Il-Fondazzjoni Nazareth ġabret €80,050 f’maratona li għamlet għall-ġbir ta’ fondi, sabiex bid-donazzjonijiet tkun tista’ tibni r-raba’ dar tagħha biex tgħin lin-nies.

Il-maratona saret ilbieraħ u ntemmet fil-11.30pm.

L-attività ġiet organizzata mill-Marie Louise Coleiro Preca Foundation sabiex tkun tista’ tkompli tgħin lir-residenti tagħha bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Il-President Emeritu nfisha, Coleiro Preca, kienet preżenti waqt il-maratona, tirrispondi t-telefowns.

Minn ħin għal ħin żaru l-maratona diversi nies, fosthom il-President George Vella u martu, kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela.

Dar Nazareth bdiet grazzi għall-ħidma ta’ Dun Anġ Seychell, saċerdot miż-Żejtun, li 25 sena ilu “għamel qabża fid-dlam”. Illum il-ġurnata ma jimmaġinax ħajtu mingħajr ma jkun fid-dar li twieled, trabba u għex fiha u għadu jgħix fiha mżejna b’persuni b’diżabbiltà.

Fondazzjoni Nazareth titmexxa fuq bażi volontarja minn 11–il direttur bil-Presidenza tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u ta’ Etienne Schembri bħala Kap Eżekuttiv.