Jinġabru €570,000 għal Missio Malta

Waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi Missio Malta ġabret is-somma ta’ €574,145.

Il-maratona saret is-Sibt li għadda.

Fi stqarrija, Missio qalet li l-poplu Malti u Għawdxin reġa’ għal darb’oħra wera kemm hu ġeneruż minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu minħabba l-pandemija COVID-19.

L-għaqda qalet li issa Missio għandha responsabbiltà akbar minn qatt qabel biex tiżgura li kull ċenteżmu miġbur jintefaq bil-għaqal. F’isem il-missjunarji u l-komunitajiet kollha li se jibbenefikaw minn dawn il-fondi miġbura, Missio rringrazzjat lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom.

Il-maratona ta’ Missio #hopemissiofest kellha l-għan tiġbor il-flus għall-missjonijiet li jsiru f’pajjiżi li għadhom qegħdin jiġu żviluppati. L-Arċisqof Charles Scicluna kien wieħed minn dawk li żaru l-maratona. L-Arċisqof ta daqqa t’id fit-telefonati tad-donazzjonijiet u rringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin tal-ġenerożità tagħhom. Fiż-żjara tiegħu qal li meta wieħed jagħti, jimla qalbu bil-ferħ li jkun għen lill-oħrajn b’mod konkret.