Jinġabru aktar minn €600,000 fil-maratona Oħloq Tbissima

Fit-18-il edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima nġabru €629,079.

Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi saret tul l-aħħar jumejn u spiċċat mat-tokki ta’ nofsillejl. Il-maratona xxandret live fuq Newsbook.com.mt u fuq l-istazzjonijiet tat-televixin F Living, Net TV u ONE TV.

Il-flus miġburin imorru għall-missjonijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) fil-Perù, fil-Pakistan, fil-Filippini, u f’Malta stess għal Dar San Ġużepp f’Santa Venera.

Grazzi tal-Ġenerożita' Kbira Tagħkom

Posted by Oħloq Tbissima on Sunday, July 19, 2020

Waqt ix-xandir televiżiv ixxandru l-esperjenzi ta’ missjunarji Maltin direttament mill-Perù, il-Pakistan u l-Filippini dwar is-sitwazzjoni preżenti li qed jgħixu fiha. Bħalissa tirrenja l-inċertezza li ma jafux meta se jiġu għan-normal u meta se jirritonaw għax-xogħol. L-organizzaturi qalu li kieku ma kienx għall-missjunarji li qed jagħtuhom jieklu kieku kien ikun hemm ħafna aktar imwiet bin-nuqqas tal-ikel milli bil-Covid-19.