Jinġabru 800 tunnellata skart mill-Park tal-Majjistral

Aktar minn 800 tunnellata ta’ skart imħallat inġabru mill-Park tal-Majjistral minn żewġ żoni differenti.

Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) spjegaw li dan huwa parti minn sensiela ta’ proġetti ta’ tindif. Żiedu li t-tindif huwa mistenni li jsebbaħ il-lokalitajiet kif ukoll tiġi msaħħa aktar il-bijodiversità tal-lokal.

Dan il-proċess inkluda wkoll tmexxija ta’ siġar minn dan il-Park, għax-xagħri sabiex ikunu ssalvagwardjati dawn is-siġar.

Id-Deputat Direttur tal-ERA fuq il-bord tal-Majjistral, is-Sur Darrin T Stevens qal li dawn ix-xogħlijiet ikomplu joħolqu kuxjenxa u hemm pjanati aktar inizjattivi sabiex jiġi ppromovut dan il-Park. Stevens kompla li dan jgħin lil dawk li jżuru dan il-park biex jifhmu aktar il-bijodiversità tal-post.