Jinġabru 3,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment

Madwar 3,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment inġabar mid-Dipartiment għat-Tindif Pubbliku bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi qal li Marzu kien l-aktar xahar li fih inġabar skart mormi illegalment b’1,170.12 tunnellata. Fix-xhur l-oħra nġabret medja ta’ 450 tunnellata fix-xahar.
Mizzi fisser li l-iktar żoni li minnhom inġabar skart huma: Triq il-Ħotba fiż-Żejtun, Manoel Island, il-Foss f’Ħaż-Żabbar, il-Ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn, iż-żoni industrijali tal-Mosta u l-Imrieħel, Ħas-Saptan f’Birżebbuġia, u Wied Għammieq fil-Kalkara.