Skart organiku: “Irridu niġbru sa 60% iktar” – Il-Ministru

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li jħossu sodisfatt bl-andament tal-ġbir tal-iskart organiku fl-ewwel ġurnata ta’ ġbir. Il-Ministru qal li l-Erbgħa nġabru 100 tunnellata skart iżda t-tir hu li jinġabar bejn 50% u 60% iktar biex Malta tilħaq il-livelli mixtieqa.

Il-Ministru qal li għal ġimgħat jew xhur li ġejjin mhu jimponi l-ebda multa fuq in-nies, anzi se jibgħat ħaddiema tal-Wasteserv fl-irħula Maltin biex jedukaw lin-nies.

Huwa qal li l-mira hi li l-borża titnaqqas għal 35% ta’ dak li hi, biex il-Gvern ikun jista’ jibda jaħarqu fl-inċeneratur.

Herrera jirringrazzja lill-Oppożizzjoni b’mod partikulari lid-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi għal kritika tagħhom, għax b’hekk holqu kuxjenza ikbar dwar il-ġbir tal-iskart organiku.

Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsijiet supplementari tad-deputati Clayton Bartolo u Claudette Buttiġieġ.