Jinġabar 600 kilo skart fil-bajja tal-Armier

Fl-okkażjoni ta’ Jum id-Dinja, illum inġabru madwar 600 kilo skart minn fuq il-bajja tal-Armier u ż-żona tal-madwar.  Inġabru wkoll 190 kilo ta’ materjal ġenerali, 58 kilo ta’ materjal tal-plastik, 226 kilo ta’ metall u ħġieġ.  Madwar 86 kilo ta’ skart inġabar minn qiegħ il-baħar.
Il-voluntiera li wettqu dan it-tindif kienu impjegati mill-Ambaxxata  Amerikana u wkoll voluntiera minn bosta organizzazzjonijiet u studenti internazzjonali.
F’kummenti tal-okkażjoni, l-Ambaxxatriċi Amerikana G. Kathleen Hill qalet li “jekk inżommu l-ibħra tagħna ndaf, nistgħu nżommu l-ambjent tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar b’saħħithom u produttivi”.
L-iskart li jintrema fuq ix-xtajtiet u l-kosta joħloq problemi serji u ta’ tniġġis li jaffettwaw lis-saħħa tan-nies kif ukoll lill-ambjent naturali.