Jinfetħu żewġ ċentri għat-tfal li mhux se jkollhom skola kuljum

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) fetħet żewġ ċentri speċjali sabiex fihom ikunu jistgħu jattendu studenti minn dawk l-iskejjel tal-Knisja li mhux se jilqgħu l-istudenti kuljum.

Dawn iż-żewġ ċentri bl-isem ta’ Maria Bambina u San Ġużepp jinsabu fil-Junior College u fl-MCAST rispettivament. Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li li dawn l-istudenti se jkollhom l-opportunita li jsegwu t-tagħlim online ppreparat mill-iskola fil-ġranet li mhux se jmorru skola. Il-ministeru qal li dawn l-iskejjel isegwu l-protokolli kollha maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Dawn iċ-ċentri se jippermettu li l-ġenituri jkunu jistgħu jibqgħu jmorru għax-xogħol u jkomplu bil-karriera tagħhom. Iċ-ċentru se jkun immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. Is-servizz jiftaħ mis-7am u jagħlaq fis-6pm. Il-ġenituri jistgħu jiġbru lil uliedhom x’ħin iridu. Is-servizz huwa bla ħlas sas-2:30pm waqt li r-rati normali ta’ Klabb 3-16 japplikaw minn hemm ’il quddiem.

S’issa s-servizz diġà qed jilqa’ tfal minn diversi skejjel tal-Knisja. Kull min huwa interessat li japplika għal dan is-servizz jista’ japplika billi jżur is-sit: https://services.fes.gov.mt/ u jirreġistra. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jibgħat fuq: churchschoolservices.fes@gov.mt

Il-Malta Union of Teachers (MUT) ħarġet sett ta’ direttivi mmirati għall-edukaturi sabiex tagħti direzzjoni iktar ċara f’diversi sitwazzjonijiet.