Jinfetħu ufficjalment iċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov

Iċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov li se jkunu qed joffru servizzi governattivi fil-qalba tal-komunità, infetħu b’mod uffiċjali waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon.
It-tliet ċentri ta’ servizz.gov, bi sħab mal-privat, bdew joperaw bi prova tliet ġimgħat ilu f’Birkirkara, il-Qawra u Raħal Ġdid.
Mario Cutajar spjega li, f’dan il-perjodu, servizz.gov, li joffri mal-250 servizz differenti, laqa’ mat-3,000 każ fit-tliet ċentri rispettivi.
L-iktar ċentru li żar il-pubbliku kien dak tal-Qawra.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega li dawn iċ-ċentri reġjonali se jiffrankaw l-inkonvenjent tal-pubbliku li jdur minn dipartiment għall-ieħor.
Il-ħinijiet se jkunu aktar flessibli, fosthom bil-ftuħ taċ-ċentri nhar ta’ Sibt bil-għan li l-pubbliku jinqeda aħjar.
It-tieni fażi tibda s-sena d-dieħla, spjega Mario Cutajar, b’aktar ċentri jinfetħu fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon tkellm fuq inizjattivi għas-simplifikazzjoni, fosthom it-tneħħija tal-vouchers tad-dawl u skemi ta’ sigurtà soċjali fejn m’hemmx bżonn iktar ta’ applikazzjoni.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis, u Segretarji Permanenti oħra.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech