Jinfetħu n-nominazzjonijiet għas-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia

Infetħu n-nominazzjonijiet għal kandidati li jridu jieħdu post Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni Elettorali qalet fi stqarrija li ġiet inkarigata mill-President ta’ Malta biex tmexxi elezzjoni każwali biex timla s-siġġu mbattal fil-Parlament Ewropew.
Dawk il-kandidati li kkontestaw l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju, 2014, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum mit-Tlieta 11 sas-Sibt 15 ta’ Lulju, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali tal-Belt.
L-għadd tal-voti se jsir nhar it-Tlieta, 18 ta’ Lulju, mit-8.30am ’il quddiem.