Jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-kor għaż-żjara tal-Papa

Read in English.

Infetħu l-applikazzjonijiet għat-tfal u adulti biex jissieħbu mal-kor li se jitwaqqaf fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta f’Mejju li ġej.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li bi tħejjija għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa se jitwaqqaf kor biex janima Quddiesa li se ssir fuq il-Fosos tal-Furjana nhar Għid il-Ħamsin, il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2020.

Intqal li l-kor se jkun iffurmat minn tfal u adulti, u se jkun taħt it-tmexxija ta’ Mro Christopher Muscat, Maestro di Cappella tal-Katidral Metropolitan u Direttur Mużikali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Tfal u adolexxenti bejn id-9 u l-14-il sena għandhom japplikaw għall-kor tat-tfal filwaqt li dawk minn 15-il sena ’l fuq japplikaw mal-adulti. Għalkemm mhuwiex neċessarju, tagħrif bażiku fil-qari tal-mużika jitqies ta’ vantaġġ.

Il-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan taż-żjara tal-Papa Franġisku jħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex japplikaw fuq papafrangisku.mt/kor.

L-auditions tat-tfal se jsiru nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu waranofsinhar, u l-għada s-Sibt filgħodu, 14 ta’ Marzu. L-auditions tal-adulti se jsiru nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu waranofsinhar, u l-għada s-Sibt filgħodu, 21 ta’ Marzu. L-applikanti se jiġu avżati bil-ħin tal-auditions li se jsiru fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.

Aid to the Church in Need nediet app bl-isem YOUCAT Daily App, li għandha tgħin lit-tfal u liż-żgħażagħ iħejju ruħhom għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, kif ukoll fiż-żmien tar-Randan.

Il-Papa Franġisku, li bħalissa jinsab ma jiflaħx, nhar l-Erbgħa li għadda esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk infettati bil-coronavirus.