Jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta

Read in English.

Id-Djoċesi t’Għawdex ħabbret li għal sena oħra, qiegħda toffri servizz sussidjat ta’ hostel għall-istudenti u ż-żgħażagħ Għawdxin f’Malta.

Dawk il-familji li jixtiequ jużaw dan is-servizz huma mitluba jiktbu ittra lis-Segretarju Amministrattiv tad-Djoċesi fil-Kurja. It-talbiet kollha jitressqu quddiem bord maħtur apposta, li jagħmel valutazzjoni tat-talbiet. Jista’ japplika kulħadd, imma tingħata preferenza lil dawk il-każijiet ta’ nies li jeħtieġu l-għajnuna.

Il-Knisja tiftaħ 2 hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta

Dan is-servizz kien tħabbar mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech f’ittra li nqrat fil-quddies. L-Isqof qal li l-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet tas-Saint Joseph poġġew għad-dispożizzjoni tad-Djoċesi żewġ djar f’Malta biex jintużaw bħala akkomodazzjoni, waħda fi Gwardamanġa, li se tkun għall-ġuvintur, u l-oħra għax-xebbiet fil-Gżira.

Hostels Knisja: L-istudenti jħallsu €100 fix-xahar

Għal din l-akkomodazzjoni, l-istudenti jintalbu jħallsu €100 fix-xahar li bejniethom, ikopri l-ispejjeż tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

It-talbiet se jintlaqgħu sal-aħħar ta’ Ġunju, u dawk magħżula jiġu mgħarrfa sal-15 ta’ Lulju.