L-aħħar ċans biex tapplika għall-iskejjel tal-Knisja

Il-Bord tad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja qed jilqa’ applikazzjonijiet tard għad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2017 – 2018.
Fi stqarrija l-Bord tad-Dħul qal li l-applikazzjonijiet huma miftuħa għall-ewwel sena kindergarten, it-tieni sena kindergarten, l-ewwel sena primarja u l-ewwel sena sekondarja.
Wieħed jista’ japplika online fuq www.knisja.org/applications sa nhar il-Ħamis, 23 ta’ Frar 2017, jew imur il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, jew fl-iskola St Michael, Santa Venera, nhar il-Ħamis, 23 ta’ Frar 2017, bejn id-9am u s-1pm.
B’kollox hemm total ta’ 878 post vakanti, li jinkludu wkoll il-postijiet vakanti fl-ewwel sena primarja fl-iskejjel ta’ St Francis, Birkirkara, Bormla u Msida, li huwa ta’ 56 post għas-subien u 9 postijiet għall-bniet.
Il-Bord żied jgħid li fost l-applikanti oħra jkun hemm ukoll aħwa li qed japplikaw għall-istess sena jew għal snin tad-dħul differenti, u meta wieħed minn dawn l-aħwa jirreġistra fi skola, it-tifel iż-żgħir jikkwalifika skont il-Kriterju tal-Aħwa. Dan ifisser li n-numru ta’ postijiet vakanti għad jerġa’ jonqos.
Aktar informazzjoni tingħata qabel ma jsiru l-poloz f’Marzu u April 2017.