​Jinfetħu l-applikazzjonijiet biex jiġu reġistrati l-iskejjel tas-sajf

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li nfetħu l-applikazzjonijiet għal dawk li huma interessati li joffru programm edukattiv permezz ta’ skola jew klabb matul ix-xhur tas-sajf għal tfal ta’ bejn it-tlieta u s-sittax-il sena.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li dawk interessati għandhom japplikaw biex jirreġistraw l-iskola jew klabb tas-sajf tagħhom bħala stabbiliment edukattiv mad-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni. Ir-reġistrazzjoni tkun valida għas-sajf 2018 bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru.
Skont il-Ministeru, entitajiet li għandhom liċenzja ta’ skola, qabel ma jibdew jiffunzjonaw bħala skejjel tas-sajf għandhom jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa lid-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.
Il-Ministeru spjega li huma biss l-iskejjel jew klabbs tas-sajf reġistrati mad-Direttorat li jgawdu minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-miżati għas-servizzi li joffru.
Għal aktar dettalji tista’ tagħfas hawn.
L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu onlajn sa mhux aktar tard mit-Tlieta l-1 ta’ Mejju 2018.