Jinfetħu bi prova ċentri ta’ servizz.gov

Mil-lum infetħu bi prova tliet ċentri reġjonali bil-għan li s-servizzi offruti mill-Gvern jersqu iktar viċin iċ-ċittadin fil-komunità u b’hekk jingħata servizz aħjar u ta’ kwalità lil kull min jiġi bżonnu.
Iċ-ċentri, bl-isem ta’ servizz.gov, jinsabu f’Birkirkara, Raħal Ġdid u l-Qawra u qed joffru 250 servizz governattiv.
Fi stqarrija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li għalkemm il-parti l-kbira tas-servizzi governattivi jinsabu onlajn, is-Servizz Pubbliku ħass li kellu jaħseb ukoll għal dawk il-persuni li jippreferu servizz wiċċ imb wiċċ, jew li m’għandhomx aċċess għall-internet.
Servizz.gov se jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ħamis, mit-8am sas-1pm, il-Ġimgħa mill-5pm sas-7.30pm, u s-Sibt mit-8am sas-1pm.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel Freephone 153, li wkoll sar parti mis-servizz.gov, jew inkella jżur is-sit elettroniku www.servizz.gov.mt