Jinfetħu 800 post għall-iskejjel tal-Knisja

Il-Kurja avżat li nfetħu 800 post għal studenti fl-iskejjel tagħha għal min hu mħajjar japplika tard.
Wara li ġew milqugħa l-applikazzjonijiet tal-Ewwel Kriterju u tal-Każijiet Serji tal-Ewwel Kriterju, il-Bord tad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja qed jilqa’ applikazzjonijiet tard skont il-Kriterju ‘Applikanti Oħra’.
Dawn il-postijiet huma vakanti f’dawn is-snin:

  • L-ewwel sena kindergarten
  • It-tieni sena kindergarten
  • L-ewwel sena primarja
  • L-ewwel sena sekondarja

Dawn is-snin japplikaw kollha għas-sena skolastika 2018-19.
Il-postijiet vojta, jiġifieri 800, huma mqassma hekk:
L-ewwel sena sekondarja subien – 105
L-ewwel sena sekondarja bniet – 11
L-ewwel sena primarja subien – 207
L-ewwel sena primarja bniet – 104
It-tieni sena kindergarten subien – 51
It-tieni sena kindergarten bniet – 254
L-ewwel sena kindergarten subien – 33
L-ewwel sena kindergarten bniet – 35
Il-Knisja temmet tgħid li għad iridu jiġu aċċettati xi każijiet serji skont it-Tielet Kriterju. Fost l-applikanti oħra jista’ jkun hemm aħwa li qed japplikaw għall-istess sena, tewmin, jew għal snin tad-dħul differenti.
Meta wieħed minn dawn l-aħwa jirreġistra fi skola, iż-żgħir jikkwalifika skont il-Kriterju tal-Aħwa. Dan ifisser li n-numru ta’ postijiet vakanti jonqos skont kemm ikun hemm minn dawn l-aħwa.
Aktar informazzjoni tingħata qabel ma jsiru l-poloz f’Marzu u f’April tal-2018, u tista’ tapplika minn hawnhekk.