Jinfetaħ l-ewwel ċentru ta’ matul il-jum għal anzjani bid-dimensja

F’Għajnsielem f’Għawdex infetħet Dar Padova, li hi l-ewwel ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani bid-dimensja.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, inawgurat dan iċ-ċentru li ddeskrivietu bħala post adattat għal dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani u li matul il-jum ma jkunux jistgħu jassistuhom, minħabba xogħol jew affarijiet oħra.
Dan iċ-ċentru se jilqa’ sa massimu ta’ 10 anzjani f’daqqa li jingħatalhom servizz ta’ trasport, filgħodu u mal-għeluq tiegħu.
Justyne Caruana qalet li ċ-ċentru hu possibbli wara ftehim bejn il-Gvern u l-Knisja biex sar xogħol estensiv biex il-bini nbidel għal wieħed adattat għal persuni bid-dimensja.
Spjegat ukoll li l-proġett hu parti minn sensiela ta’ inizjattivi mill-Gvern biex iżid is-servizzi lill-anzjani, waqt li jkompli jwettaq il-wegħda ta’ iktar xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex.
Ritratt: MFSS_PS