Jinfetaħ il-pont fuq Vjal l-Avjazzjoni

DOI - Jason Borg

Il-Gvern fetaħ il-pont fuq Vjal l-Avjazzjoni bejn il-Gudja u Ħal Luqa li minnu jistgħu jaqsmu ċ-ċiklisti u persuni bil-mixi mingħajr periklu. Il-Ministeru għat-Trasport fi stqarrija qal li l-proġett sewa €2.3 miljun u li permezz tiegħu se jkun hemm konnessjonijiet aħjar bejn Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Il-pont jinkludi rampi u liftijiet biex jiffaċilita l-aċċessibilità u għandu konnessjoni diretta mal-waqfiet tat-trasport pubbliku, il-passaġġi pedonali u l-korsiji għaċ-ċiklisti li jinsabu f’din it-triq prinċipali. Il-proġett beda fit-tieni nofs tal-2019. Minbarra l-istruttura nnifisha u l-faċilitajiet tal-aċċessibilità u s-sigurtà, il-pont jinkludi wkoll dawl ġdid filwaqt li l-inħawi tal-madwar issa għandhom aktar minn 15-il siġra indiġena u madwar 130 arbuxxell miżrugħa minn Infrastructure Malta. 

Il-Ministru Ian Borg ħabbar li fil-futur qarib se jkun qed jinfetaħ pont simili fi Blata l-Bajda filwaqt li dalwaqt se jibda x-xogħol fuq pont simili fl-MCAST f’Raħal Ġdid.

Huwa rringrazzja lil Infrastructure Malta li qed taħdem b’impenn biex isiru dawn il-proġetti