Jinfetaħ ċentru tat-testijiet fl-ajruport ta’ Perugia għal dawk ġejjin minn Malta

CD eNews

Fl-ajruport ta’ Perugia fl-Italja, infetaħ ċentru tat-testijiet tal-coronavirus apposta għal dawk ġejjin minn Malta.

Dan ġie rrappurtat mill-ġurnal Taljan ANSA ilbieraħ filgħaxija.

Mal-wasla ta’ titjira tar-Ryanair, il-passiġġiera kellhom jagħmlu swab test tal-coronavirus f’kamra mħejjija apposta għalihom fl-ajruport. Id-deċiżjoni dwar dan ittieħdet mill-awtoritajiet tar-reġjun minħabba l-għadd kbir ta’ nies li bdew jirriżultaw fil-pożittiv għall-coronavirus meta jaslu lura l-Italja minn Malta.

Il-passiġġiera ġew infurmati li jekk it-test ikun pożittiv, huma jkunu infurmati f’temp ta’ erba’ sigħat. Waqt li jistennew ir-riżultat, kellhom jibqgħu iżolati. Xi passiġġiera li waslu qalu lill-ġurnalisti li kienu favur din id-deċiżjoni biex huma jagħmlu t-test, u qalu li raw użu skars tal-maskri f’Malta.

Min jivvjaġġa Piemonte minn Malta qed ikun obbligat jagħmel it-test tal-coronavirus ukoll. L-istess l-Isqallin, wara li kien hemm numru ta’ każijiet ta’ coronavirus allegatament impurtati minn Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn