Jinfetaħ ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani tal-Qala

Infetaħ ċentru ġdid ta’ matul il-jum (day care centre) fil-Qala, u dan wara rispons tajjeb ferm mill-anzjani tal-gżira Għawdxija għas-servizzi ġodda li nfetħu f’dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru għal Għawdex qalet fi stqarrija li dan iċ-ċentru jifforma parti minn kullana ta’ servizzi programmati li jinfetħu fil-futur f’Għawdex, u fl-istess ħin faħħret lill-anzjani għall-interess li wrew, speċjalment f’servizzi bħall-korsijiet tal-kompjuter u l-internet.
“Importanti li l-anzjani jħossuhom parti mill-komunità u jibqgħu attivi, speċjalment meta jinsabu f’età b’aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom”, irrimarkat il-Ministru.
Qalet li l-Gvern se jkompli jagħti prijorità lil dan il-qasam, mhux b’inqas f’Għawdex fejn se tinfetaħ dar tal-anzjani f’Għajnsielem, bil-ħsieb li jkun hemm b’kollox 500 sodda ġdida.
Is-Sindku tal-Qala rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u ħeġġeġ biex aktar anzjani jagħmlu użu minn dan is-servizz bla ħlas.
Fil-leġiżlatura li għaddiet infetħu ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani fix-Xewkija, f’Taċ-Ċawla fir-Rabat u f’Ta’ Sannat, kif ukoll hemm il-pjanijiet għal ieħor fiż-Żebbuġ.
Ritratt: MGOZ