Aġġornata: Ikkonfermata r-rebħa ta’ Abe; 80% tal-Parlament irid tibdil fil-kostituzzjoni

Shinzo Abe reġa' ġie kkonfermat Prim Ministru tal-Ġappun, hekk kif fl-elezzjoni bikrija ta' lbieraħ rebaħ madwar 80% tas-siġġijiet fil-Parlament.
Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, wiegħed li fil-mandat li ġej jindirizza b’aktar qawwa lill-Korea ta’ Fuq, iżda bosta qed jaħsbu li dan se jwassal biex il-Ġappun jerġa’ jimmilitarizza ruħu.
Hemm il-biża’ li l-kostituzzjoni paċifista tal-Ġappun, li ġiet ifformulata wara t-Tieni Gwerra Dinjija, se tiġi affettwata negattivament minn dawn ir-riformi ta’ Abe.
Abe kien sejjaħ din l-elezzjoni qabel m’għalaqlu l-mandat sabiex jittieħdu deċiżjonijiet urġenti dwar forom ta’ theddid li l-Ġappun qed jirċievi, ewlenija fosthom dik mill-Korea ta’ Fuq.
Il-PM qal li biex il-Korea ta’ Fuq tiġi indirizzata tinħtieġ diplomazija b’saħħitha, u formalizzar tajjeb tal-militar Ġappuniż, li jinkludi li jsir xi tibdil f’Artiklu 9 tal-Kostituzzjoni Ġappuniża, artiklu li jitlob li l-Ġappunż iwarrab kull involviment fi gwerer.
Hemm sentiment li jvarja dwar dan l-artiklu. Uħud jarawh bħala l-pedament demokratiku tal-Ġappun wara t-Tieni Gwerra Dinjija, iżda għall-konservattivi jfisser it-timbru li jissiġilla t-telfa umiljanti f'dil-gwerra.
Il-konservattivi jarawh bħala timbru impost għax dan l-artiklu kien inkiteb mill-Istati Uniti, u l-Ġappun daħħlui fis-seħħ wara l-gwerra.
Issa Abe, li għandu aġenda konservattiva, deċiż li jqawwi l-valuri tradizzjonali tal-Ġappun, jenfasizza fuq l-obbligi lejn l-istat li jiġu qabel l-obbligi personali, u jħoll regolamenti li jirristrinġu lill-militar.
Però anki jekk din l-emenda tgħaddi mill-Parlament, xorta jkun irid isir referendum tal-poplu biex tidħol fis-seħħ.
Hu mifhum li r-rebħa ta’ Abe ġejja parzjalment grazzi għall-kunflitt mal-Korea ta’ Fuq. Fil-fatt sa xahrejn ilu l-popolarità ta’ Abe kienet qabdet in-niżla wara 2 skandli politiċi.