Jindarab gravi wara li ntlaqat minn karozza f’San Pawl il-Baħar

Raġel indarab gravi wara li lbieraħ wara nofsinhar intlaqat minn karozza f’San Pawl il-Baħar.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-każ seħħ fis-6.30pm fi Triq il-Korp tal-Pijunieri. Fuq il-post instab li r-raġel ta’ 44 sena residenti Birżebbuġa ntlaqat minn karozza li kienet qed tinstaq minn raġel Libjan ta’ 34 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post u mbagħad ittieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei. Hemm kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.