F’Malta jindaqqu l-qniepen b’ringrazzjament għas-servizz li ta l-Papa Benedittu XVI

F’nofsinhar illum, fil-Knejjes kollha ta’ Malta indaqqet mota ta’ kwarta. Dan b’radd il-ħajr lil Alla għas-servizz li ta l-Papa Benedittu XVI.

Il-qniepen mistennija jindaqqu wkoll fil-bidu tal-Konklavi. Fit-tmienja ta’ filgħodu ta’ dak il-jum, il-knejjes kollha iħabbru l-ftuħ tal-Konklavi bil-mota ta’ kwarta.

Malli ssir magħrufa l-għażla tal-Papa ġdid u jitħabbar ismu, il-Knisja lokali se tingħaqad mal-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan u tagħti din l-aħbar ta’ ferħ bid-daqq ta’ mota ta’ kwarta.

Intant qabel jibdew il-Konklavi, fil-knejjes kollha mistennija titqaddes Quddiesa għall-għażla tal-Papa li tkompli b’nofs siegħa adorazzjoni.

Nhar l-Erbgħa li ġej, l-Arċisqof Pawl Cremona, se jiċċelebra quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt fis-6.30 p.m. Dan sabiex il-Knisja f’Malta tesprimi r-radd ta’ ħajr lil Alla għas-servizz li l-Papa Benedittu XVI ta lil Kristu, lill-Knisja, u lill-familja kollha umana tul il-pontifikat tiegħu. F’din il-Quddiesa jsir ukoll talb ħalli l-Mulej jagħti lill-Knisja suċċessur ta’ Pietru, Vigarju ta’ Kristu u ragħaj tal-Knisja, li jkun jogħġob lil Alla għal qdusitu u li jaħseb fil-merħla fdata f’idejh. Fi tmiem il-Quddiesa tibda adorazzjoni ewkaristika.