Jinbidlu s-sidien ta’ Steward: Fearne jistenna l-ittra bil-miktub

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li l-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Health Care nfurmah li l-kumpanija kienet xtrat numru ta’ assi tagħha li kienu f’idejn kumpanija oħra.

Fil-Parlament huwa qal li mhux se jikkummenta sakemm l-ispjega tingħata bil-miktub. Madanakollu serraħ ras il-ħaddiema ta’ Steward li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw.

Dan wara li fil-ġurnali dehret l-aħbar li grupp ta’ tobba li jaħdmu ma’ Steward Health Care kienu xtraw l-assi tal-kumpanija bbażata fl-Istati Uniti.

Kumpanija Ġermaniża lanqas biss tefgħet offerta

Il-Ministru Fearne appella lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ipoġġi l-informazzjoni li għandu dwar l-allegazzjonijiet li għamel dwar it-tender tal-pre-fabricated hospital jew imur bihom għand il-Pulizija. Fearne qal li madanakollu dak li allega dwar dik il-kumpanija Ġermaniza ma kienx minnu għax din lanqas tefgħet offerta.

Kieku smajna mill-Oppożizzjoni l-qgħad kien ikun akbar – Fearne

Il-Ministru Fearne qal li l-Gvern qagħad fuq il-pariri li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa u fl-istess waqt ittieħdu l-miżuri kollha biex in-nies ikunu protetti u l-ekonomijia tibqa’ b’saħħitha.

Il-Qgħad 10,000 mhux 4,000 – Adrian Delia

Fearne kien qed jirrispondi għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ftit qabel fil-Parlament, kien stqarr li għal gvern 7,000 persuna ma kienu xejn wara li l-Prim Ministru għażel li jikkwota r-rapport tal-Jobs Plus li kien qed juri l-qgħad reġistrat mal-Jobs Plus 4,000 u jinjora figura maħruġa mill-NSO li tgħid li l-qgħad f’April kien 10,816.

Delia stqarr li din l-istqarrija tal-Gvern kienet tinsulent lil dawn in-nies u akkużah b’ insensitività.

Għal dan, Fearne qal li kieku l-Gvern sema’ mill-pariri tal-Oppożizzjoni kien imur għal lockdown totali. “Kieku mhux din il-figura kien ikun hawn imma ħafna agħar,” tenna Fearne. Stqarr li t-telf ta’ impjiegi seħħ mad-dinja kollha.