“Kif jinbidel is-sess fuq id-dokumenti?”

Herman Schiavone staqsa domanda li ġabet tbissima fost il-membri parlamentari bid-deputat Nazzjonalista jwiddeb lill-kollegi li din ma kienx kwistjoni tad-daħk.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, hu staqsa lill-Ministru Edward Zammit Lewis x’inhi l-proċedura eżatta biex jinqalbu d-dokumenti uffiċjali ta’ persuni li jkunu biddlu s-sess. Hu spjega li kien qed isaqsi din id-domanda supplementari biex is-sistema ma tkunx manipulata.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li hemm żewġ metodi b’att pubbliku, jiġifieri billi l-persuna tmur għand nutur u tagħmel dikjarazzjoni jew inkella b’sentenza tal-Qorti. Huwa qal li imbagħad l-aġenzija kompetenti jiġifieri Identity Malta timxi fuq is-sentenza tal-Qorti li tkun definita u finali u tibdel il-ġeneru tal-persuna.