Jinbet dewmien għas-servizz tal-fast ferry

Il-proċess sabiex jinstab operatur għas-servizz tal-fast ferry bejn Għawdex u l-Belt ġie sospiż hekk kif l-għeluq tal-applikazzjonijiet għall-konċessjoni pubblika ġie estiż sal-24 ta’ Mejju.
Skont kelliem għall-Virtu Ferries, dan tħabbar wara li d-Direttur tad-Dipartiment tal-Kuntratti kkunsidra l-protest tal-Virtu Ferries fil-konfront tad-deċiżjoni li ħadet il-Gozo Channel billi għażlet lill-Islands Ferry Network Limited sabiex tissieħeb magħha biex flimkien joffru s-servizz ta’ fast ferry.
Il-kelliem għall-Virtu Ferries sostna li l-kumpanija se tkun qed tistenna l-bord tal-appell toħroġ bid-deċiżjoni dwar il-protest tagħha. Sostna li malli jieħu pożizzjoni l-bord tal-appell, tiddeċiedi x’se jkun il-pass li jmiss għall-kumpanija.
Il-kumpanija Virtu Ferries kienet uriet id-diżappunt tagħha għall-aħbar li l-Gozo Channel għażlet li taħdem mal-Islands Ferry Network sabiex tipprovdi s-servizz tal-fast ferry. Dan filwaqt li sostniet li l-kumpanija ilha biss ħamest ijiem li nfetħet u se titmexxa minn persuni li m’għandhom l-ebda tip ta’ esperjenza fis-settur.
Oriġinarjament, id-data tal-għeluq għall-Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika dwar il-proġett kienet is-26 ta’ April.