​Jiltaqgħu rappreżentanti tal-ħaddiema u kumitat tal-Gvern dwar l-Air Malta

Saret l-ewwel laqgħa bejn rappreżentanti tal-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru u l-kumitat maħtur mill-Gvern biex imexxi t-taħditiet mal-ħaddiema dwar it-triq ’il quddiem għall-Air Malta.
Il-Ministeru għat-Turiżmu qal fi stqarrija li l-għan tal-laqgħat hu li jiġi diskuss il-mudell li fuqu se titwettaq il-bidla pożittiva fid-direzzjoni tal-linja nazzjonali lejn sitwazzjoni aħjar u iktar professjonali.
Il-membri tal-kumitat huma ċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef u l-President Emeritus Dr George Abela bħala co-chairpersons, il-Kap Eżekuttiv tal-Airmalta, Philip Micallef, il-Kap Uffiċjal tar-Riżorsi Umani tal-Airmalta, Roberto Cristiano u l-Konsulent tal-Ministeru għat-Turiżmu, George Micallef.
Fil-bidu tal-laqgħa, l-Ministru Zammit Lewis enfasizza li d-deċiżjonijiet favur kumpanija aktar kompetittiva se jkunu bbażati fuq diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, fosthom dwar il-ftehimiet kollettivi, fejn il-Gvern qed jaħdem biex jiggarantixxi xogħol u kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema kollha.