Filmati: Il-Kumitat PANA jgħid li l-Gvern Malti ma ppreżentax id-dokumenti li talbu

Iċ-Chairman tal-Kumitat PANA fil-Parlament Ewropew, li jinvestiga każi ta' evażjoni tat-taxxa u ħasil tal-flus fosthom il-Panama Papers, qal li sal-lum il-Gvern Malti għadu ma ppreżentax id-dokumenti mitluba minnu.
Il-Kumitat PANA beda jiltaqa' llum waranofsinhar u fost l-oħrajn ġie indirizzat mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola.
"Istituzzjonijiet ipparalizzati f'Malta" – Roberta Metsola
Metsola talbet lill-Kumitat PANA biex jintervjeni, hekk kif l-istituzzjonijiet f’Malta jinsabu totalment ipparalizzati.
Semmiet is-sitwazzjoni kurrenti f’Malta, u kif eluf ta’ nies niżlu fit-toroq Maltin jipprotestaw kontra l-korruzzjoni. Metsola rrimarkat li dan seħħ wara li ħarġu allegazzjonijiet ġodda, li l-Prim Ministru jew martu rċevew miljuni ta’ Ewro fil-kumpanija Egrant, minn kumpaniji kkontrollati mill-familja tad-dittatur tal-Ażerbajġan.
Roberta Metsola qalet li dan l-aġir min-naħa tal-Prim Ministru jagħti spjega għaliex is-sena li għaddiet, Joseph Muscat naqas li jieħu azzjoni wara li isem il-Ministru Konrad Mizzi u dak taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru tfaċċaw fil-Panama Papers.
Iddeskriviet bħala xokkanti n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Pulizija. Irreferiet għar-rapporti fil-midja llum, li qalu li sena ilu l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) irrakkomandat lill-Pulizija biex jieħdu azzjoni kontra Keith Schembri, iżda baqa’ ma sar xejn.
L-MEP Maltija saħqet li tittama li r-riċerka li ġiet ippubblikata, tiġi estiża b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet, biex l-Ewropa ma terġax tiġi ffaċċjata b’sitwazzjoni paralizzata li qed tgħix Malta llum.
"Inaċċettabbli" – David Casa
Sadanittant, fi stqarrija maħruġa mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li hu inaċċettabbli li l-Gvern ikompli jitfa' lil Malta f'din l-istraġi, anke fuq livell Ewropew.
Żied jgħid li fid-dawl tal-iżviluppi ġodda, is-sitwazzjoni f’Malta għandha tkun parti mill-aġenda tal-Parlament Ewropew.
L-aġenda tinkludi diskussjonijiet dwar il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa, u l-effett tagħhom fuq l-ekonomija u l-finanzi. 
Il-Kumitat PANA jerġa' jitlob lil Keith Schembri jidher quddiemu
Għalkemm is-sitwazzjoni politika f’Malta ma kinitx imniżżla fuq l-Aġenda, ma kienx eskluż li jitqajmu l-każi tat-tliet kumpaniji fil-Panama, tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u t-tielet kumpanija li allegatament hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu Michelle, qed jiċħdu l-allegazzjonijiet. 
Keith Schembri ntalab mill-ġdid biex jidher quddiem il-Kumitat PANA fis-sessjoni plenarja tat-18 ta’ Mejju fi Strasburgu.
Fi Frar li għadda, quddiem il-Kumitat PANA li ltaqa’ f’Malta, deher il-Ministru Mizzi. Min-naħa tiegħu Keith Schembri rrifjuta li jidher. Minflok kien għadda ittra bl-idejn liċ-Chairperson tal-Kumitat Werner Langen, mossa li dwarha Langen kien ilmenta.