Jiltaqa’ għall-ewwel darba l-bord il-ġdid tal-Inġiniera

Fl-aħħar ġranet ġie ffurmat Bord ġdid tal-inġinerija fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. 

L-għan ta’ dan il-Bord hu li jaqqgħad flimkien il-fazzjonijiet kollha tal-Inġinerija f’Malta. Dawn jinkludu, dawk li japplikaw biex jieħdu l-warrant u partijiet oħra interessati bħal istituzzjonijiet edukattivi, awtoritajiet regolatorji, istituzzjonijiet konsultattivi, intraprenditorjali u oħrajn.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li ftit wara l-bidu ta’ din il-leġiżlatura, huwa ltaqa’ mal-Kunsill Eżekuttiv tal-Kamra tal-Inġiniera fejn ġew espressi diversi ħsibijiet fuq kif din il-professjoni tista’ titmexxa ’l quddiem.

Hu qal ukoll li se jkun qed jagħti l-appoġġ kollu li jkun hemm bżonn biex il-kamra tkun tista’ tipparteċipa aktar mill-qrib mal-Bord u b’hekk ikun jista’ jaqdi dmirijietu b’mod iżjed effiċjenti.

Dan il-Bord se jkun immexxi mill-Inġinier Saviour Baldacchino u bħala membri se jkollu lil Ray Fava bħala Segretarju u lill-Inġiniera Charles Buttigieg, Tony Cachia, Andrew Caruana, Lycia Mallia, Joe Micallef u Mary G Micallef.