Jilqgħu l-proposta tal-Gvern dwar taskforce għall-pensjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni f’Malta laqgħet id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li l-Gvern irid iwaqqaf taskforce li tikkunsidra l-introduzzjoni volontarja tal-pensjonijiet magħrufa bħala s-Second Pillar li tikkumplimenta l-iskemi tat-tielet pilastru li ddaħħlu iktar kmieni.
L-assoċjazzjoni qalet li r-riforma tal-pensjonijiet ilha fuq l-aġenda nazzjonali għal diversi snin imma mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej, dik f’Malta ma żammitx ir-ritmu ta’ dak li seħħ f’pajjiżi oħra.
L-assoċjazzjoni sostniet li wasal iż-żmien li tinħoloq kuxjenza dwar l-importanza li wieħed ifaddal għall-ġejjieni u għal żmien l-irtirar, bil-membri tal-assoċjazzjoni juru disponibilità li jagħtu l-informazzjoni u joffru s-soluzzjonijiet meħtieġa lill-pubbliku.