Jilmaħ tifel fuq l-ixkaffa ta’ wara tal-karozza; “Xokkanti u irresponsabbli”

Raġel li lemaħ tifel fuq l-ixkaffa ta’ wara tal-karozza xerred ritratti ta’ dan fuq il-midja soċjali u qal li dan hu aġir xokkanti u irresponsabbli.

Peter England qal li lbieraħ fil-5pm, hu u għaddej mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, lemaħ xi ħaġa bajda fuq wara ta’ karozza li kienet għaddejja. Stagħġeb meta rrealizza li dan kien tifel ċkejken bil-ħarqa, li la kien bilqiegħda, wisq anqas marbut b’ċintorin.

Kompla jgħid li hu waqqaf lis-sewwieqa biex jgħidilha li dan kien aġir ħażin min-naħa tagħha. Kienu bosta dawk li kkummentaw fuq dawn ir-ritratti fuq Facebook u wkoll stagħġbu u kkundannaw l-aġir tal-mara. Fost il-kummenti online, kien hemm kumment ta’ mara li qalet li sfortunatament din mhix xena rari fit-toroq Maltin, peress li ta’ sikwit tara tfal rekbin fuq quddiem tal-karozzi mal-ġenituri.

England spjega li hu mar jagħmel rapport l-għassa, iżda dawn bagħtuh l-għassa ta’ San Pawl il-Baħar.