Jilħaq l-għan ta’ 20 sodda f’20 ġurnata għall-wards tat-tfal bil-kanċer

Jinġabru l-20 sodda f’20 ġurnata wara li Chris Mamo temm il-maratona b’suċċess.
Ma’ Newsbook.com.mt Chris Mamo qal li din kienet l-ewwel darba li għamel maratona ta’ dan it-tip, fejn ġera madwar 40km kuljum.
Chris spjega li għal bidu ma kienx jaf ma’ min se jagħmel il-maratona, u meta ltaqa’ ma’ Dr Klown tkellmu mal-pediatric ward u raw li kien hemm bżonn sodod għall-ġenituri li jorqdu mat-tfal tagħhom waqt li jkunu qed jieħdu l-kura.
Spjega li minkejja li tittrenja għalihom il-maratoni qatt ma tkun lest 100% u li jrid ikollok stamina mentali għax fiżikament tasal sa ċertu punt u jibda jkollok il-problemi. Fil-fatt wara r-raba’ maratona beda jkollu xi injuries f’siequ u t-tobba bdew jgħidulu biex jieqaf.
Qal li wara li tispiċċaha tinduna li fil-ħajja jekk tirsisti u tibqa’ sejjer jirnexxilek.
“Meta niftakar fl-esperjenza tiegħi nissimpatizza ma’ dawn il-familji”
Chris qal li kellu oħtu li mietet bil-kanċer ta’ 26 sena. Spjega li meta kien ikun magħha l-isptar kien jorqod fuq is-siġġu. Spjega li meta jiftakar minn xiex kellu jgħaddi jissimpatizza ma’ dawn il-familji li jgħaddu mninn din l-esperjenza kuljum.
Dr Klown
Nicole – Dr Happy,  li hi parti mill-NGO Dr Klown spjegat ma’ Newsbook.com.mt li Dr Klown jaħdem mid-donazzjoijiet, li dawn immorru għat-taħriġ ta’ Dr Klowns, li kull sena jiftħu l-applikazzjonijiet għalihom u għall-affarijiet li jużaw l-isptar.
Ftit tal-jiem ilu tnieda l-ktieb More Common Sense ta’ Dr Edward Curmi, li l-fondi minnu sejrin għal Dr Klown.
“Meta tara t-tfal morda bil-kanċer u tarahom jidħku huwa l-isbaħ rigal li tista’ tieħu.”
Dr Happy qasmet esperjenza li kellha ma’ tifel li kien għajjien wara li lesta l-kimo terapija.
Meta bdiet tilgħab miegħu u tagħmillu bużżieqa, it-tifel xtaq bużżieqa ħadra, madankollu l-kulur aħdar ma kellhiex u staqsietu jekk iridhiex ħamra.
Dr Happy bdiet tispjegalu xi jfissru l-kuluri fosthom li l-kulur aħmar jagħtik ħafna saħħa. Meta tagħtu l-bużżieqa ħamra qalha “jiġifieri issa għandi ħafna saħħa”.
Nicole qalet li f’għajnejh spikka li beda jemmen li għandu ħafna saħħa.
Spjegat li għalkemm it-tfal ikunu batuti u għajjenin minħabba l-mediċina, il-ħidma tagħhom tnessihom mit-tbatija li jkunu għaddejjin minnha u jibdew jemmnu li huma aħjar.
Għal aktar informazzjoni dwar Dr Klown tista’ tidħol hawn.