​Jilbes ta’ ħares biex jidħol jisraq

Ħalliel ħaseb li l-mod perfett biex ma jintagħrafx fuq il-kamera tas-sigurtà kien li jilbes ta’ ħares.
Il-każ seħħ f’Jinjiang, fil-belt ta’ Quanzhou fiċ-Ċina.
Ir-raġel deher fuq il-kamera imgeżwer f’biċċa drapp bajda, għaddej inkiss inkiss minn taħt il-kamera.
Il-filmat jurih jittawwal malli tela’ t-taraġ biex jara kienx hemm kamera. Jinduna biha u malajr malajr idur lura biex jinżel it-taraġ.
Toħodlu madwar 20 minuta biex iwettaq il-pjan tiegħu u jitla’ lura imlibbes ta’ ħares.
Iktar tard il-pulizija ssejħu fuq il-post u skoprew li l-ħalliel kien qaċċat purtiera biex għamel il-kostum.
Imma xorta rnexxielhom jidentifikaw ir-raġel għax qabel tgeżwer kien ħares dritt fil-kamera u ntagħraf.
Fortunatament ma rnexxielu jisraq xejn.
Il-pulizija investigat ir-raġel li ammetta li kien ħati f’każi oħra ta’ serq u nżamm arrestat.