Jiksrulha idha u jippruvaw iqabbdulha xagħarha f’Paceville

Tliet żgħażagħ kissru id żagħżugħa f’Paceville u ppruvaw jagħtu n-nar lil xagħarha wkoll.

Fil-Qorti nstema’ kif is-Sibt li għadda tliet żgħażagħ Spanjoli li għandhom 18, 17, u 16-il sena kienu qed jistennew lil żagħżugħa Franċiża barra stabbiliment f’Paceville. Huma kellhom argument ftit tal-ħin qabel.

Meta ħarġet il-Franċiża, qabduha minn xagħarha u kaxkruha mal-art. F’dak il-mument kissru id iż-żagħżugħa.

Ħabib iż-żagħżugħa intervjena u rnexxielu jwaqqafhom milli jagħtu n-nar lil xagħar il-Franċiża.

It-tliet Spanjoli ħarbu minn fuq il-post imma ġew arrestati fil-lukanda li kienu fiha.

L-Ispanjoli ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom. Huma nħelsu mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet. Huma ma jistgħux jersqu qrib il-vittma għal sena.