Jikser id pulizija fl-Għassa; jinħeles mill-arrest

Raġel ta’ 29 sena tressaq il-Qorti akkużat li kiser id pulizija waqt argument fl-għassa ta’ Bormla.

Il-każ seħħ wara li oħt l-akkużat marret tagħmel rapport lill-pulizija li s-sieħeb tagħha refa’ jdejh fuqha. L-akkużat u l-eks sieħeb t’oħtu ġew fl-idejn u l-pulizija intervjenew biex iwaqqfuhom. F’dak il-ħin wieħed mill-pulizija kiser idu.

L-akkużat tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’ gravi membru fil-korp tal-pulizija, attakka u rreżista l-ordnijiet, kiser il-paċi pubblika kif ukoll li offenda u hedded uffiċjal pubbliku.

L-avukat tad-difiża qalet li l-klijent tagħha jwieġeb mhux ħati u spjegat li dak li ġara kien inċident. L-avukat talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal dan u spjegat lill-Qorti li l-akkużat ikkopera mal-pulizija.

Min-naħa tagħha l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa ġie ordnat jiffirma l-bail book tliet darbiet fil-ġimgħa u josserva l-curfew.