Jikri propjetà mhux tiegħu; Jinżamm taħt arrest

pexels.com

Raġel inżamm arrestat wara li froda numru ta’ barranin billi jikri u jieħu depożitu ta’ kirjiet li mhumiex taħt il-kontroll tiegħu. Id-depożitu kien jammonta għall-iktar minn €5,000.

Ir-raġel ta’ 44 sena minn San Pawl il-Baħar tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima t-Tlieta.

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li huma rċevew numru ta’ rapporti dwar persuni li poġġew depożitu għall-kirja ta’ propjetà, minn fuq il-mezzi eletroniċi. Il-Pulizija spjegat kif umbgħad il-persuni jsiru jafu li l-propjetà kienet diġà mikrija mis-sid oriġinali.

Fil-Qorti r-raġel wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Ir-raġel ma ngħatax il-libertà u baqa’ jinżamm taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Kriminalità Ekonomika flimkien mal-Ispettur Elton Taliana u l-Ispettur Bernardette Valletta.

Għar-raġel deher avukat tal-għajnuna legali.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.