Jikkrolla pont fi Florida; minn tal-inqas 4 mejta

Minn tal-inqas hemm 4 mejtin u 10 oħra weġġgħu meta ġġarraf pont għan-nies qrib l-Università Internazzjonali ta’ Miami fi Florida, l-Istati Uniti.
Jidher li dan il-pont kellu għomru qasir, hekk kif inbena s-Sibt li għadda f’sitt sigħat, b’metodu tekniku apposta sabiex jinbena malajr u jiġi evitat it-traffiku.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm, ħin Amerikan, xħin il-pont, tqil 862 tunnellata, ċeda.
Hekk kif bħalissa fi Florida l-ħin huwa billejl, membri tas-salvataġġ għadhom għaddejjin bil-ħidma tagħhom fit-tiftix għal aktar nies maqbuda taħt it-tifrik.
Meta l-pont ċeda waqa’ għal fuq triq għall-vetturi bi 8 korsiji, u l-Pulizija ta’ Florida qalet li mad-daqqa għaffeġ minn tal-inqas 8 vetturi.
Ġew anki mibgħuta ħelikopters sabiex jaraw mill-għoli hemmx nies isejħu għall-għajnuna.
L-10 persuni li hemm l-isptar jinsabu f’qagħda kritika, iżda dan l-inċident seta’ kien agħar minħabba l-istudenti li jiffrekwentawh, li bħalissa jinsabu fil-btajjel tar-rebbiegħa.
Sadanittant, il-President Amerikan, Donald Trump, kiteb fi tweet li qed jitlob għan-nies tas-salvataġġ u għal dawk affettwati.
Jidher li l-pont kien sar sabiex jaqdi lill-istudenti, u kemm huma kif ukoll l-għalliema tal-Università kienu ilhom jitolbu li ssir xi ħaġa sabiex ikunu jistgħu jaqsmu mill-Università għad-djar residenzjali apposta għall-istudenti n-naħa l-oħra, u b’hekk jevitaw kull darba t-traffiku.