Jikkrolla l-profitt ta’ Nissan – se tkeċċi 12,500 ħaddiem

Nissan, waħda mill-akbar manifatturi tal-karozzi fid-dinja, se tkeċċi 12,500 persuna madwar id-dinja. Dan hekk kif qed tnaqqas il-produzzjoni u n-numru ta mudelli li tipproduċi se jonqsu b’10% sal-2022. Dan wara riżultati diżastrużi li l-kumpanija Ġappuniża ħabbret ftit tal-jiem ilu, b’tnaqqis fil-profitt ta’ 14-il miljun dollaru, 94.5% anqas mis-sena li għaddiet, fl-ewwel kwart tal-2019, l-agħar prestazzjoni għal mill-anqas għaxar snin.

Nissan batiet b’mod partikolari r-riżultati fl-Istati Uniti, suq ewlieni għaliha, fejn kellha tagħti skontijiet qawwija biex tlaħħaq mal-bejgħ tar-rivali. Madankollu, in-numru ta’ karozzi mibjugħa naqas ukol fl-Ewropa, fl-Ażja, fl-Amerika Latina, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika.

Il-kumpanija qalet li dawn l-impjiegi se jitnaqqsu fi 12-il fabbrika differenti. Għalkemm Nissan ma speċifikatx liema fabbriki se jintlaqtu, hija indikat li t-tnaqqis ewlieni se jkun dawk tal-karozzi Datsun u mudelli żgħar oħra, mudelli meqjusa bħala li qed jirrendu l-inqas profitt. Il-kumpanija se tkun qed tiffoka fuq mudelli ġodda, inkluż vetturi elettriċi, fejn se tkun qed tibni l-mudell X-Trail fil-Ġappun. Oriġinarjament ix-xogħol kien se jsir f’Sunderland, fl-Ingilterra, iżda l-kumpanija biddlet id-deċiżjoni wara li kwotat inċertezzi marbuta ma’ Brexit.

L-ishma ta’ Nissan diġà niżlu b’aktar minn 13% matul din is-sena.

Il-BĊE jikkunsidra stimoli ġodda

Il-Bank Ċentrali Ewropew reġa’ qed jikkunsidra li jnaqqas ir-rati tal-imgħax u jkompli l-programm ta’ xiri ta’ bonds hekk kif l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari ż-żona ewro reġgħet għaddejja minn riċessjoni fil-qasam tal-manifattura li qed tpoġġi f’riskji snin ta’ stimolu ekonomiku xprunat mill-istess Bank.

Il-BĊE, li għalissa ma bidilx ir-rati tal-imgħax, qal li r-rati preżenti “jew aktar baxxi” mistennija jibqgħu sa nofs l-2020, u b’hekk dawwar il-kelma tiegħu li qabel nofs is-sena d-dieħla ma kienux se jinbidlu. Fil-preżent, l-inflazzjoni tinsab ferm taħt il-mira ottimali, il-produzzjoni industrijali fil-Ġermanja nieżla bla kontroll, u f’mument li anke l-Federal Reserve bdiet tintervjeni fis-suq b’tnaqqis fl-imgħax, kien inevitabli li l-BĊE tieħu pożizzjoni simili.

Fi stqarrija mhux tas-soltu, il-Bank qal li r-rata tal-għoli tal-ħajja hi simmetrika u ma kienx qed jara diffikultà jekk din taqbeż il-limitu ta’ 2% jekk tkun taħt dan l-ammont għal tul ta’ żmien.

Madankollu l-Bank innota li hemm diversi indikaturi pożittivi fl-ekonomija Ewropea, fosthom il-kunfidenza tal-konsumaturi, l-impjiegi u s-self tal-banek. Madankollu d-domanda minn barra hija negattiva, parzjalment minħabba s-sitwazzjoni ta’ kunflitt kummerċjali bejn l-Amerika u diversi pajjiżi.

Din l-aħbar wasslet biex ir-rati tal-imgħax fuq self ta’ bonds bħal dawk tal-Ġermanja niżlu ftit aktar, biex issa jinsabu aktar f’territorju negattiv ta’ -0.41%.

Tesla terġa’ titlef il-flus – fadalla għall-profitt

L-ishma ta’ Tesla Inc niżlu bi 11% din il-ġimgħa – telf ta’ kważi 5 biljun dollaru fil-valur tal-kumpanija li tipproduċi vetturi elettriċi, ġurnata wara li l-kumpanija ħabbret li kienet se tipposponi l-mira tagħha biex tkun f’pożizzjoni li tilħaq profitt. Dan iddiżappunta lill-investituri li ilhom konxji mill-isfida li għandha l-kumpanija biex tirreġistra profit

Is-sehem niżel 11.34% għal 234.84 dollaru, filwaqt li l-bond tal-kumpanija, wkoll tilef 2%.

Minkejja li Tesla produċiet numru rekord ta’ vetturi elettriċi fit-tieni kwaet tas-sena, hija rreġistrat kwart ieħor ta’ telf finanzjarju, għaliex għadha qed tinvesti bis-saħħa fi proġetti kapitali. Din is-sena se tkun qed tiftaħ impjant ġdid fiċ-Ċina u għandha pjanijiet ta’ impjant ieħor fl-Ewropa. Il-kumpanija qed tipprepara wkoll biex tibda tipproduċi vetturi ġdida, l-SUV Model Y, li se tkun aktar profitabbli mis-sedan Model 3.

Tesla tilfet 400 miljun dollaru fit-tieni kwart tas-sena, minkejja dħul impressjonanti ta’ 6.35 biljun, 59% aktar mis-sena ta’ qabel. Il-kumpanija qed tippjana li tbiegħ 400,000 vettura matul din is-sena.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment