Aġġornata: Jikkonfiskaw maskra b’wiċċ Ministru mill-attivisti ta’ Moviment Graffitti fl-Università

Read in English.

Gwardjani tas-sigurtà fl-Università ta’ Malta kkonfiskaw maskra b’wiċċ Ministru mill-istand ta’ Freshers’ Week ta’ Moviment Graffitti. Kelliem għall-Moviment ikkonferma ma’ Newbook.com.mt lil-maskra kienet turi wiċċ il-Ministru għat-Trasport Ian Borg.

Dan ħabbritu l-għaqda permezz ta’ post fuq Facebook. Moviment Graffitti sostna li hija ironika li l-messaġġi politiċi mhux milqugħa f’Università li sservi bħala “grawnd tal-logħob” għaż-żgħażagħ tal-Partit Laburista u dak Nazzjonalista.

Filgħaxija, l-Università ta’ Malta qalet li r-rappreżentant tal-Graffitti intalab ineħħi l-maskra meta ħareġ miż-żona riżervata għall-għaqda. L-Università qalet li uffiċjali tas-sigurtà ħadu azzjoni biex is-sitwazzjoni ma teskalax.

Rappreżentant tal-għaqda li huwa student universitarju spjega ma’ Newsbook.com.mt kif il-ħaddiema tas-sigurtà tal-Università qalulhom li “l-politika mhix parti minn Freshers’ Week”. Hu qal li l-każ seħħ għall-ħabta tal-11am. Qal li l-kostum kien qed jintuża bħala mod ta’ kif jattiraw l-istudenti u kien biss satira politika.

Ġie spjegat li l-ħaddiema tas-sigurtà rrifjutaw li jgħidu min kien li ta l-ordni biex il-maskra tiġi kkonfiskata. L-attivisti insistew li hija xi ħaġa inkwetati li l-Università ta’ Malta qed tiċċensura u tipprova twaqqaf kull forma ta’ dibattitu. Sostnew li forsi dan kien mod kif l-Università ssevi l-interessi kummerċjali li jħallsu għal avveniment bħal Freshers’ Week.

Moviment Graffitti sostniet li mhux se tiġi intimidata minn tattiċi tat-tip. Intant insistew li l-materjal għandu jiġi ritornat lilhom mill-aktar fiss possibbli.

Dan il-kostum kien biss wieħed minn numru ta’ kostumi li ddisinjaw l-attivisti għal din il-ġimgħa. Fuq kull torri, l-attivisti poġġew ritratti ta’ persuni kontroversjali relatati mal-iżvilupp fil-pajjiż. Il-Ministru Borg kien l-unika figura politika fosthom. Il-maskri l-oħrajn kienu jinkludu waħda tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp Sandro Chetcuti. Il-maskra tal-Ministru kienet imqabbda ma’ kostum forma ta’ torri.

Il-kelliem spjega li hu ta d-dettalji tiegħu lill-ħaddiema tas-sigurtà sabiex jikkuntattjawhom dwar il-każ. Madanakollu baqgħu ma semgħu xejn.

Newsbook.com.mt staqsa dwar il-messaġġi politiċi fuq il-kampus, u l-kelliem sostna li ma kienx ċert jekk kienx hemm xi regoli dwar dan. Il-kelliem żied jgħid li bosta organizzazzjonijiet fl-istess Università għandhom affiljazzjonijiet politiċi, imma dawn ma jitħarsux bħala offiża. Kompla jgħid li jekk hemm xi linji gwida, mela dawn għandhom ikunu fir-responsabbiltà tal-Kunsill Studenti Universitarji li jgħadduhom lill-istudenti. Sostna li Moviment Graffitti ilu jkkollu preżenza waqt Freshers’ Week, imma din hija l-ewwel darba li xi ħaġa bħal din ġrat.

Moviment Graffitti għadda lment lill-Precincts Office tal-Univesità.

We have just sent this email to the Precincts Office – responsible for the UoM Campus – copying in the Rector and the…

Posted by Moviment Graffitti on Monday, September 30, 2019

Ħadu azzjoni biex is-sitwazzjoni ma teskalax – UM

L-Università ta’ Malta ħarġet stqarrija li fiha qalet li l-uffiċjali tas-sigurtà ħadu azzjoni biex is-sitwazzjoni ma teskalax.

L-Università qalet li r-rappreżentant tal-Moviment Graffitti ntalab ineħħi l-maskra meta ħareġ miż-żona ddedikata għall-għaqda. Qalet li dan l-istudent mar ħdejn studenti oħra li kienu fiż-żona ta’ għaqdiet oħra. Skont l-Univeristà, dak il-ħin uffiċjali tas-sigurtà kienu kkonċernati li l-azzjoni tar-rappreżentant setgħet toħloq reazzjoni.

L-Università qalet li l-attività ta’ Frehsers’ Week mhix il-pjattaforma addattata għal xi forma ta’ protesta. Qalet li l-attività tattira eluf ta’ studenti u “dinjitarji”. L-attività hija organizzata mill-KSU.

L-Università ta’ Malta qalet ukoll li tappoġġja b’mod attiv dibatti politiċi. Fakkret li waqqfet il-Malta University Debating Union (MUDU) li fil-passat organizzat għadd ta’ dibatti politiċi.

Skont il-paġna tal-Facebook ta’ MUDU, l-aħħar dibattitu politiku li organizzat kien f’Mejju tal-2017. Dakinhar kienet organizzat dibattitu bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi differenti ftit qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju dik is-sena.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Univesità ta’ Malta dwar il-każ. Filgħaxija, l-Uffiċċju ħareġ stqarrija dwar l-inċident.

https://www.facebook.com/jeanpaul.lucca/posts/10157196487290081