Jikber it-tħassib għall-virus ġdid li feġġ fiċ-Ċina

Każijiet reġistrati fl-Istati Uniti

A woman wearing a mask rides past a crossing in Beijing, China January 21, 2020. REUTERS/Jason Lee

Qed jikber it-tħassib internazzjonali għall-virus ġdid li feġġ fiċ-Ċina hekk kif kien hemm l-ewwel każ konfermat ta’ persuna b’dan il-virus li daħal fl-Istati Uniti. Sadanittant l-ammont ta’ nies mejta b’dan il-virus issa telgħa għal disgħa.

Diġà kien hemm każijiet ta’ nies infettati b’dan il-virus li daħlu fit-Tajlandja u l-Korea t’Isfel u l-awtoritjaiet mhux qed jeskludu li jinfirex aktar madwar id-dinja. Dan speċjalment peress li bħalissa ċ-Ċiniżi jkunu qed jiċċelebraw is-Sena l-Ġdida skont il-kalendajru tagħhom. Matul dawn il-btajjel huma jivvjaġġaw u minħabba f’hekk, diversi ajruporti internazzjonali bdew jagħmlu kontrolli.

S’issa kien hemm disa’ persuni li mietu minħabba dan il-virus misterjuż fiċ-Ċina u li għalih m’hemm ebda kura. Virus li jidher li feġġ f’suq tal-annimali f’Wuhan fiċ-Ċina u li s’issa infetta mijiet ta’ nies li jinsabu rikoverati fi sptarijiet Ċiniżi.

L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li fil-pajjiż kien hemm l-ewwel każ ta’ infezzjoni minn persuna għal persuna u li jidher li l-virus qed jinfirex min-nifs.