Jikber it-tħassib dwar il-binja tal-EC f’San Ġiljan

Facebook

Ritratt tax-xogħol tal-kostruzzjoni li għaddej ħdejn il-binja tal-iskola tal-Ingliż EC Language Centre f’San Ġiljan qajjem biża’ fost in-nies li dan il-bini għad jiġġarraf.

Dan il-biża’ u tħassib qam wara li lbieraħ iġġarrfet dar fil-Ħamrun, li ħalliet lil Miriam Pace, mara ta’ 54 sena, mejta taħt it-terrapien.

Illum ir-ritratt tal-bini li għaddej f’San Ġiljan beda jdur fuq il-midja soċjali u kienu bosta li rreaġixxew, fosthom il-Membru Parlamentari Karol Aquilina, li qal li “din hi sitwazzjoni oħra fil-kju għall-mewt.” Saħaq li mhux titħalla biżżejjed distanza bejn il-bini u x-xogħol ta’ skavar li jkun qed isir.

Iċ-Chairman tal-iskola, Andrew Mangion, tkellem mal-ġurnal Times of Malta u qal li l-iskola ġiet evakwata, avolja l-awtoritajiet assigurawhom li mhumiex qegħdin f’riskju. Minn mindu beda l-iskavar, il-lezzjonijiet bdew isiru f’binja faċċata.