Jikber it-telf ta’ Uber

Telf Uber mowbajl taxi

It-telf tal-kumpanija Uber kibru fit-tieni kwart tas-sena hekk kif il-kumpanija ta’ booking ta’ karozzi saħħet l-investiment fis-setturi tad-delivery tal-ikel, il-bike sharing u espansjoni fis-swieq internazzjonali. It-telf kiber minn 577 miljun għal 659 miljun dollaru fl-ewwel kwart hekk kif żieda fl-ispejjeż kienet ferm aktar mgħaġġla mit-tkabbir fid-dħul, skont rapport finanzjajru li l-kumpanija qasmet mal-investituri fl-aħħar jiem.

Hu mifhum li l-kumpanija qed tipprepara li tinfetaħ għall-pubbliku billi tiġi kwotata fuq il-Borża sal-aħħar tas-sena d-dieħla. L-akbar investimenti saru fuq Uber Eats, is-servizz ta’ delivery tal-ikel, li din s-sena mistennija tħalli dħul ta’ 6 biljun dollaru, kif ukoll Jump, is-servizz ta’ sharing ta’ roti elettriċi li qed tespandi fl-Ewropa.

Dawn l-investimenti jidher li qed iħallu l-frott hekk kif il-bookings fit-tieni kwart tas-sena madwar id-dinja żdiedu b’41%, għal 12-il biljun dollaru. Id-dħul nett, jiġifieri d-dħul wara li Uber tħallas lis-sewwieqi, rifużjonijiet, taxxi u miżati oħra, żdied b’63% fuq bażi annwali, għal $2.8bn.

Madankollu hemm diversi ostakli quddiem il-kumpanija, hekk kif bosta bliet kbar, fosthom New York u Londra adottaw jew qed jikkunsidraw regolamenti li jillimitaw in-numru ta’ vetturi ta’ Uber u kumpaniji simili li jistgħu jiċċirkolaw fil-lokalità, bl-għan li jiġu mħarsa l-impjiegi ta’ persuni li jħaddmu mezzi ta’ trasport tradizzjonali.

Titjib fl-ishma ta’ Carlsberg

It-Tazza tad-Dinja fir-Russja u s-Sajf sħun fit-Tramuntana tal-Ewropa kienu fost il-fatturi li saħħew il-bejgħ u l-profitti tal-kumpanija Carlsberg. Dan wassal biex il-kumpanija Daniża ttejjeb il-previżjonijiet tagħha għall-profitt matul din is-sena għal qrib 9-10% minn madwar 5%.

Id-dħul ta’ Carlsberg żdied bi 3% fit-tieni kwart tas-sena għal madwar 2.45 biljun ewro, filwaqt li l-profitt kiber b’aktar minn 14% fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Is-suq Russu kien wieħed li fih batiet sew dan l-aħħar, minkejja li jibqa’ l-aktar suq b’saħħtu għall-kumpanija. Iżda t-Tazza tad-Dinja fis-Sajf waslet għal żieda ta’ 10% fil-volum fit-tieni kwart, li prattikament ikkanċella t-tnaqqis ta’ 11% fl-ewwel kwart tas-sena.

Il-kumpanija saħqet li dawn ir-riżultati ma kienux biss frott ta’ avvenimenti ta’ darba, u filfatt rreġistrat ukoll żidiet importanti f’birra ta’ kwalità ogħla, bħal Tuborg, kif ukoll birra mhux alkoħolika. Bħala pajjiżi individwali, l-akbar żieda ġiet reġistrata fiċ-Ċina, fejn kienet reġistrata żieda fil-bejgħ ta’ 17%.

Fix-xhur li għaddew il-kumpanija ħabbret programm ta’ tnaqqis fl-ispejjeż kif ukoll investiment ikbar fis-swieq Ażjatiċi biex tpatti għall-prestazzjoni deludenti fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent u fir-Russja fejn numru ta’ regolamenti ħallew impatt negattiv fuq il-konsum. Dawn ir-riżultati waslu għal żieda ta’ 4% fil-valur tal-ishma ta’ din il-kumpanija, li hija t-tielet l-akbar waħda fid-dinja fil-produzzjoni tal-birra wara Inbev (li tipproduċi l-Budweiser u Stella Artois fost l-oħrajn) u Heineken.

Iċ-Ċina twiegħed li se trażżan id-dejn

Il-Gvern Ċiniż impenja ruħu li jżomm id-dejn tal-pajjiż taħt kontroll hekk kif Beijing qed tippjana miżuri ta’ stimolu biex ipattu għall-impatt fuq l-ekonomija hekk kif qed tikbar il-gwerra kummerċjali mal-Istati Uniti.

Dawn il-kummenti saru wara li, fid-dawl ta’ statistika li kkonfermat li t-tkabbir mill-investiment jinsab fl-aktar livelli baxxi, il-Gvern ħabbar investiment akbar fl-infrastruttura u injezzjoni ta’ finanzi fis-sistema bankarja, bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tas-self. Iżda filwaqt li din kienet milqugħa b’mod pożittiv għall-prospetti ekonomiċi, oħrajn tħassbu li jekk il-pajjiż jerġa’ lura għal tkabbir bla kontroll, iffinanzjat mill-kreditu, jista’ jerġa’ jikber ir-riskju għas-sistema finanzjarja u jikber id-dipendenza fuq id-dejn.

Iżda l-Gvern ikkometa ruħu li dan l-investiment, li se jiffoka l-aktar fuq toroq, rotot tal-ferroviji, edukazzjoni u kura tal-anzjani, se jibbaża fuq it-talba reali, biex inaqqas riskji ta’ kapaċità eċċessiva. Barra minn hekk, se jsir kull sforz biex jiġi attirat investiment barrani f’dawn il-proġetti, biex jitnaqas id-dejn tal-Gvern. Biex dan ikun possibbli, ir-regolaturi naqqsu r-restrizzjonijiet fuq il-gvernijiet lokali biex dawn joħorġu bonds speċjali biex jiffinanzjaw il-proġetti.

Minkejja l-impatt tal-miżuri Amerikani fuq il-kummerċ maċ-Ċina, il-Gvern għadu kommess li jilħaq it-tkabbir previst għal din is-sena, ta’ madwar 6.5%. Id-dejn taċ-Ċina żdied b’2.7% sal-aħħar tas-sena li għaddiet, biex issa qabeż il-250% tal-prodott gross domestiku.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.