Protesti f’Minneapolis wara l-qtil ta’ raġel minħabba l-kulur tal-ġilda

Read in English.

Għat-tieni lejl konsekuttiv, mijiet ta’ persuni fil-belt ta’ Minneapolis, fl-Istati Uniti, ipprotestaw qrib l-għassa tal-Pulizija. Dawn waddbu flixken u ġebel lejn il-pulizija, li min-naħa tagħhom irrispondew billi xerrdu l-gass tad-dmugħ fuqhom. 

Dan hekk kif kompliet tikber ir-rabja wara l-qtil ta’ raġel ta’ karnaġġjon skura li minn filmat li kien ċirkolat juri li tilef ħajtu wara li uffiċjal tal-Pulizija għafas irkobbtu fuq għonqu.

Il-filmat ittieħed minn persuna li nzertat kienet fuq il-post nhar it-Tnejn li għadda, wara li George Floyd, ta’ 46 sena, twaqqaf f’roadblock tal-pulizija. Huwa tniżżel mal-art wiċċu ‘l isfel u wara ftit jinstema’ jitlob għall-għajnuna, u jgħajjat li ma setax jieħu nifs.

It-tieni ġurnata ta’ protesti, li matulha kienu attakkati u misruqa numru ta’ ħwienet, bdew wara li s-Sindku Jacob Frey ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiftħu proċeduri kriminali kontra l-pulizija li żamm lill-Floyd mal-art.

Il-pulizija u t-tliet uffiċjali l-oħra li ħadu sehem f’dan l-inċident tkeċċew mid-dipartiment tal-pulizija t-Tlieta hekk kif l-FBI fetħet investigazzjoni dwar dan.

Floyd, li twaqqaf mill-pulizija wara li allegatament prova jħallas bi flus foloz f’ħanut żgħir tal-ikel, ittieħed b’ambulanza mix-xena tal-arrest u kien iddikjarat mejjet fl-istess lejl fl-isptar.

Mijiet ta’ persuni, fil-parti l-kbira b’wiċċhom mgħotti, ipprotestaw ilbieraħ qrib l-għassa tal-pulizija filwaqt li wħud erħewlha wkoll qrib ir-residenza tal-pulizija muri fil-filmat bħala l-persuna li kkaġuna l-qtil ta’ Floyd. 

Matul il-lejl, il-folla kompliet tikber u l-qiegħa saħnet sew hekk kif il-pulizija ddefendew ruħhom wara l-barrikati u użaw bullets tal-plastik, gass tad-dmugħ u anke concussion grenades biex iżommu l-folla lura. Min-naħa tagħhom, id-dimostranti tefgħu kull ma ġie f’idejhom lejn l-uffiċjali tal-pulizija.

Fl-istess lejl, insterqu u tqabbdu nirien f’numru ta’ ħwienet, fosthom ħanut tal-parts tal-karozzi.

Fuq Twitter, il-President Donald Trump appella biex l-investigazzjoni tal-FBI titlesta kemm jista’ jkun malajr. Huwa esprima l-kondoljanzi tiegħu lejn il-familja ta’ George u wiegħed li se ssir ġustizzja f’dan il-każ.