Filmat: Jiġru max-xatt tal-Gżejjer Maltin biex jiġbru l-flus għall-immigranti

Read in English.

Żewġ atleti kisru rekord billi wettqu ġirja twila 190 kilometru li damet 35 siegħa. Huma ġrew max-xatt kollu ta’ Malta u Għawdex biex jiġbru l-flus għal programm edukattiv għal immigranti żgħażagħ.

L-attività bl-isem 1 Run 1 Race ttellgħet bil-ħsieb li tkun ta’ sapport finanzjarju għall-Programm ta’ Sapport Edukattiv li jikkordinaw Kopin u s-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati.

Iż-żewġ atleti Claudio Camilleri u Patrick Tabone kienu qegħdin jitħarrġu għal ġirja twila 101 kilometru fl-Iżvizzera, imma l-pjanijiet tagħhom sfaxxaw fix-xejn minħabba l-pandemija. Madankollu, huma sabu mod kif jirrevedu l-pjanijiet tagħhom biex jaqdu kawża ġusta. Ħadd qabilhom ma kien prova jagħmel din il-ġirja qabel.

Il-ġirja bdiet fil-Ġonna tal-Indipendenza f’Tas-Sliema fl-3.45am is-Sibt, u mbagħad iż-żewġ atleti baqgħu tilgħin fit-Tramuntana sakemm waslu ċ-Ċirkewwa u qabdu l-vapur tad-9am lejn Għawdex.

Huma ġrew id-dawra tal-gżira u mbagħad reġgħu qabdu vapur lura lejn Malta, fejn ħadu r-rotta tal-Punent max-xatt. Fil-ġirja għolew għoli ta’ 4,000 metru. Ftit wara li sebaħ, l-atleti għaddew mill-aktar punt ‘l isfel f’Malta f’Birżebbuġa, qabel irħewlha lejn it-Tramuntana max-xatt tal-Lvant.

Grupp ta’ atleti nġabru fil-Gżira sabiex jilqgħu lil Claudio u Patrick u jifirħulhom ta’ dak li rnexxielhom jagħmlu llum waranofsinhar.

Min jixtieq jagħmel donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jagħfas hawn.

Posted by 1RUN on Sunday, July 26, 2020